Avviżi – 20 ta’ Ġunju 2021

Matul il-ġimgħa li ġejja sa nkunu qed niċċelebraw il-Festa Titulari f’ġieħ il-Qalb bla tebgħa ta’ Marija. Din hija okkażjoni biex flimkien bħala komunità nisranija, fuq l-eżempju ta’ Ommna Marija, nagħmlu mixja spiritwali. Nistednukom biex tingħaqdu magħna f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-fidi tagħna.

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa kuljum nitolbu r-Rużarju u l-Kurunella fis-6.30pm u niċċelebraw il-Quddiesa fis-7pm.

  • It-Tnejn, tkun Quddiesa bis-sehem tat-tfal li fiha l-abbatini jġeddu l-impenn tagħhom.
  • It-Tlieta, nitolbu għat-trabi u t-tfal ċkejknin li tgħammdu mill-aħħar festa.
  • L-Erbgħa, nitolbu mal-morda u l-anzjani. Tkun ħaġa sabiħa li nwasslu lill-anzjani tagħna li ma jifilħux jiġu waħedhom. Dakinhar iz-zuntier ikun miftuħ għall-parking. Dawk li jixtiequ jirċievu l-Griżma tal-Morda għandhom jinfurmawna sa nhar it-Tlieta.
  • Il-Ħamis, il-quddiesa tkun bis-sehem taż-żgħażagħ tal-parroċċa u tal-letturi li dakinhar jiġġedded il-mandat tagħhom.
  • Il-Ġimgħa, nitolbu flimkien mal-koppji li sa jiżżewwġu, li żżewwġu mill-festa li għaddiet u dawk li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali.
  • Is-Sibt, fis-6.30pm tibda t-traslazzjoni bir-relikwa u t-talba ta’ filgħaxija (l-Għasar) u fis-7pm quddiesa mmexxija mill-Provinċjal.
  • Il-Ħadd, fid-9.30am nitolbu t-talba ta’ filgħodu u fl-10am tibda l-quddiesa solenni tal-Festa. Filgħaxija ssir quddiesa fis-6pm u fis-7pm ċelebrazzjoni tal-Għasar, Rużarju u Barka Sagramentali bis-sehem tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, tal-Kummissjoni Festa u tal-Għaqdiet tal-parroċċa.

 

Kif tafu l-festa ġġib magħha ħafna xogħol u spejjeż anki jekk tkun festa sempliċi bħal dik li sa nagħmlu din is-sena. Għalhekk nitolbu l-għajnuna ta’ dawk li jistgħu joffru ftit ħin ta’ għajnuna mit-8am ’il quddiem kuljum matul din il-ġimgħa. Dawk li jistgħu jgħinu biex jittaffew l-ispejjeż jistgħu jieħdu envelope minn ħdejn il-bieb tal-knisja u jħallu l-offerta tagħhom fih. Min jixtieq joffru bukkett ta’ fjuri jista’ jħalli ismu mal-patrijiet sal-lum.

 

Jalla din il-Festa tkun okkażjoni ta’ smigħ tal-Kelma ta’ Alla, ta’ għaqda u rikonċiljazzjoni u ta’ servizz lejn l-aħwa fuq l-eżempju ta’ Marija.

Avviżi – 30 ta’ Mejju 2021

Il-Ħamis 3 ta’ Ġunju wara l-quddiesa tas-7pm issir Adorazzjoni Ewkaristika fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Corpus Domini – Il-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù. Tkun ħaġa sabiħa li, għalkemm din is-sena ma nistgħux nagħmlu l-purċissjoni b’Ġesù Sagramentat, ngħaddu ftit ħin fit-talb u l-adorazzjoni flimkien.

Il-Ħadd 6 ta’ Ġunju grupp ta’ tfal mill-parroċċa tagħna sa jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Nitolbu għalihom biex din il-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù tkompli tkabbar l-imħabba tiegħu fihom.

Infakkru li bħala nsara huwa dmir tagħna li nħarsu saħħitna u saħħet xulxin u għalhekk, sakemm mhix indikat mod ieħor mit-tobba tagħna, aħna għandna nieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19. Dawk li għadhom ma applikawx u ma jafux kif għandhom jagħmlu dan jistgħu jkellmu lill-patrijiet wara l-quddiesa biex issir l-applikazzjoni mill-knisja stess.

Avviżi – 9 ta’ Mejju 2021

Minn nhar it-Tnejn 10 ta’ Mejju jerġgħu jibdew jiltaqgħu l-għaqdiet fil-parroċċa.

  • Nhar it-Tlieta fid-9am jiltaqa’ l-Leġjun ta’ Marija u
  • Nhar il-Ġimgħa fis-7.30pm jiltaqgħu l-adolexxenti u ż-żgħażagħ.
  • Il-katekeżi tat-tfal issir skont kif indikat mill-katekisti.

Għandhom jitħarsu dejjem id-direttivi li ħarġu l-awtoritajiet tas-saħħa.

F’dan iż-żmien tas-sena hija drawwa li jsir it-tindif tal-partijiet tal-knisja li ma jitnaddfux kull ġimgħa. Biex dan ikun jista’ jsir hija meħtieġa l-għajnuna ta’ aktar nies u għalhekk nitolbu lil dawk li jistgħu jagħtu xi ftit għajnuna biex jiġu nhar ta’ Tnejn wara t-8am.

Nhar is-Sibt 22 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Festa sa torganizza Burger Delivery Night. Booking għand il-membri tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju.