Avviżi – 23 ta’ Jannar 2022
Aħna u niċċelebraw il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla nagħrfu s-sejħa sabiħa li nimpenjaw ruħna fis-smigħ ta’ Ġesù – il-Kelma ta’ Alla. Infakkru li kull nhar ta’ Erbgħa ssir Lectio Divina fuq is-silta tal-Evanġleju tal-Ħadd ta’ wara fis-6.45pm. Nhar ta’ Ħadd għall-ħabta tad-9.00am fuq il-paġna ta’ Facebook tal-parroċċa jittella filmat ta’ 3 minuti b’riflessjoni qasira fuq l-Evanġelju.
Nhar ta’ Ħamis issir Adorazzjoni Ewkaristika fis-6.45pm.
Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Jannar fid-9.00am issir laqgħa ta’ diskussjoni miftuħa għal kulħadd fid-Dar Parrokkjali.
Nirringrazzjaw lil dawk kollha li matul din il-ġimgħa offrew mill-ħin tagħhom biex jgħinu fit-tindif tal-Knisja waqt li kien qiegħed isir xogħol ta’ manutenzjoni. Inħeġġu li jkunu aktar dawk li joffru għajnuna fid-diversi ħidmiet tal-parroċċa biex il-komunità tagħna tkun waħda ħajja.
Dawk kollha li jagħtu xi servizz b’mod regolari fil-parroċċa (katekisti, letturi, animaturi, membri ta’ kunsilli u kummissjonijiet, xogħol amministrattiv, għajnuna fit-tindif u manutenzjoni, eċċ) huma mitluba jimlew il-formola ta’ reġistrazzjoni bħala operaturi pastorali li jsibu fuq: parrocci.knisja.mt/registrazzjoni. Għandhom jimlew din il-formola anki dawk li diġà mlew oħra simili fil-passat minħabba li dawk tal-passat ikunu skadew. Dawk li jsibu xi diffikultà jistgħu jimlewha bl-għajnuna tal-patrijiet fis-sagristija wara l-quddiesa.
Qabel ma bdiet il-pandemija kienet drawwa tal-parroċċa li kull sena jittella’ Dramm tal-Passjoni. Qed issir evalwazzjoni dwar il-possibiltà li dan jerġa’ jibda jsir minn din is-sena jekk ir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija jkunu jippermettu. L-ewwel pass huwa li nkunu nafu min huma dawk li lesti jieħdu sehem bħala atturi, biex jarmaw u jżarmaw, kostumi eċċ. Għal dan il-għan min jixtieq jieħu sehem għandu jimla l-formola li tinsab online sal-aħħar ta’ Jannar : Formola ta’ Parteċipazzjoni