Avviżi 10 ta’ Jannar 2021

Matul din il-ġimgħa terġa’ tibda l-katekeżi tat-tfal fil-parroċċa. Il-ġenituri jirċievu d-dettalji permezz ta’ email. Id-dettalji jkunu wkoll fuq il-paġna ta’ Facebook Footsteps Burmarrad. Infakkru fl-importanza tal-laqgħat ta’ katekeżi u b’mod speċjali tal-quddiesa tal-Ħadd. Dawk li għal xi raġuni serja ma jkunux jistgħu jattendu għandhom jiddiskutu d-diffikultà tagħhom ma’ Fr Allister li huwa responsabbli mill-katekeżi tat-tfal jew mal-Kappillan.

Wasalna biex niċċelebraw il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa tagħna. Il-programm sa jkun limitat għaċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi fil-knisja bejn is-Sibt 16 u t-Tnejn 18 ta’ Jannar. Meta tgħaddi l-pandemija u jkun il-waqt isiru attivitajiet soċjali li jgħinuna niċċelebraw dan l-anniversarju bħala familja parrokkjali. Nistednukom li tieħdu sehem f’dawn il-funzjonijiet u ħin ta’ adorazzjoni li sa jsiru fil-knisja.

Matul il-ġimgħa li ġejja sa jkollna fostna wkoll il-wirja tal-Mirakli Ewkaristiċi li kien ħejja l-Beatu Carlo Acutis, żagħżugħ ta’ 15-il sena li miet fl-2006.

Avviżi 3 ta’ Novembru 2019

Nhar il-Ħadd 3 ta’ Novembru ssir quddiesa fiċ-Ċimiterju u t-tberik tal-oqbra fl-4.00pm. F’każ ta’ maltemp il quddiesa ssir fil-Knisja ta’ Burmarrad. Fiċ-ċimiterju jkun hemm quddiesa kull nhar ta’ Erbgħa, Ġimgħa u Ħadd fil-11.30am fix-xahar ta’ Novembru.

Sa ssir laqgħa għal-letturi u l-animaturi tal-liturġija. Din tkun miftuħa għal dawk kollha li jagħtu s-servizz tagħhom fil-liturġija u għal dawk li jixtiequ jibdew ukoll. Il-laqgħa ssir darbtejn biex kulħadd ikun jista’ jagħżel l-aktar data u ħin komdi għalih. Il-laqgħat sa jsiru fid-dar parrokkjali nhar it-Tlieta 5 ta’ Novembru fis-7.30pm u l-Ħadd 10 ta’ Novembru fl-10am.

Il-Kummissjoni Festa qed torganizza Fenkata nhar is-Sibt 9 ta’ Novembru fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-7.30pm. Il-biljetti jinkisbu mingħand il-membri tal-Kummissjoni.

Infakkru li nhar ta’ Ħamis fis-6.45pm issir Adorazzjoni Ewkaristiku u nhar ta’ Ġimgħa fis-6.45pm issir Lectio Divina fil-Knisja.

Matul ix-xahar ta’ Novembru, kull nhar ta’ Ġimgħa, il-quddiesa tas-6.15pm tkun b’suffraġju għall-mejtin għeżież tagħna. Minn ħdejn il-bibien tal-Knisja ssibu l-formoli biex jinkitbu l-ismijiet tal-mejtin li jitqiegħdu flimkien mal-offerta fil-qoffa li tinsab quddiem l-altar.

Avviżi 26 ta’ Ottubru 2019

Illum jibda l-ħin tax-xitwa għalhekk immexxu l-arloġġi siegħa lura. Il-quddiesa ta’ filgħaxija fil-Knisja Parrokkjali tkun kuljum fis-6.15pm filwaqt li fil-Knisja tal-Lunzjata s-Salina tkun nhar ta’ Sibt fil-5.00pm.

Nhar il-Ħamis 31 ta’ Ottubru, lejlet il-Festa tal-Qaddisin kollha sa ssir attività għat-tfal u l-adolexxenti tal-parroċċa. Fil-5pm niltaqgħu quddiem il-Knisja biex induru t-toroq u nitolbu għotjiet ta’ ikel għal min hu fil-bżonn. Fis-6.15pm nieħdu sehem fil-quddiesa u wara jkun hemm festin għat-tfal fiċ-Ċentru Parrokkjali. Il-ġenituri mistednin jieħdu sehem ukoll. Għall-festin kulħadd mistieden iġib xi ħaġa tal-ikel jew ħelu biex naqsmuha flimkien.

Nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru, Festa tal-Qaddisin kollha l-quddies ikun fil-5.30am, fis-6.15am u fis-6.15pm. Ikun hemm il-katekeżi fiċ-Ċentru bħas-soltu iżda nispiċċaw fis-6pm biex kulħadd ikun jista’ jiġi għall-quddiesa fil-Knisja.

Nhar is-Sibt 2 ta’ Novembru, Tifkira tal-Mejtin, il-quddies ikun fil-5.30am, fis-6.00am, fis-6.30am u fis-6.15pm.

Nhar il-Ħadd 3 ta’ Novembru ssir quddiesa fiċ-Ċimiterju u t-tberik tal-oqbra fl-4.00pm. F’każ ta’ maltemp il quddiesa ssir fil-Knisja ta’ Burmarrad. Fiċ-ċimiterju jkun hemm quddiesa kull nhar ta’ Erbgħa, Ġimgħa u Ħadd fil-11.30am fix-xahar ta’ Novembru.

Matul ix-xahar ta’ Novembru, kull nhar ta’ Ġimgħa, il-quddiesa tas-6.15pm tkun b’suffraġju għall-mejtin għeżież tagħna. Minn ħdejn il-bibien tal-Knisja ssibu l-formoli biex jinkitbu l-ismijiet tal-mejtin li jitqiegħdu flimkien mal-offerta fil-qoffa li tinsab quddiem l-altar.