Mil-lum il-quddiesa ta’ filgħaxija tibda tkun kuljum fis-7.00pm
Nhar it-Tlieta 28 ta’ Marzu jkompli t-tieni kors ta’ eżerċizzi li sa jsir nhar ta’ Tlieta fit-8.00pm fid-Dar Parrokkjali u huwa miftuħ għal kulħadd.
Nhar l-Erbgħa 29 ta’ Marzu jkompli l-ewwel kors ta’ eżerċizzi b’meditazzjoni fuq il-ħajja tan-nisrani. Dan il-kors qed isir kull nhar ta’ Erbgħa wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.
Nhar il-Ħamis 30 ta’ Marzu fis-7.45pm sa jsir seminar bħala eżerċizzi tar-Randan għall-familja kollha. Ikun hemm riflessjoni mmexxija mis-sur Karl Vella, ħin għad-diskussjoni fi gruppi u wara nieklu xi ħaġa flimkien. It-tfal li jiġu flimkien mal-familja tagħhom sa jkollhom attività għalihom ukoll.
Nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu festa devozzjonali ta’ Marija Addolorata (Id-duluri). Il-quddies ikun fil-5.30am, f’nofsinhar u fis-7.00pm. Fit-7.45pm tibda purċissjoni bit-talba tar-rużarju li tgħaddi minn Triq Burmarrad, Triq Magħsar, Triq P. Wistin Magro, Triq San Pawl Miqli u Triq Burmarrad.
Nhar il-Ħadd 2 ta’ April nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa b’Ħadd il-Palm. Din hi l-aktar ġimgħa importanti għalina l-insara għax fiha ngħixu flimkien il-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù.
Il-quddiesa tal-10.00am tibda bit-tifkira tad-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm u t-tberik tal-friegħi taż-żebbuġ fil-ġnien tal-kunvent. Ninġabru fil-ġnien tal-kunvent fl-9.45am.
Biex nidħlu fil-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù inħeġġu li tinqara silta żgħira mir-rakkont tal-passjoni matul il-jiem li ġejjin. Dawn is-siltiet wieħed jista’ jsibhom fuq il-paġna ta’ FB tal-parroċċa.
Minn ħdejn il-bibien tal-Knisja tistgħu takkwistaw biljetti tal-lotterija b’rigali reliġjużi. Id-dħul jgħin biex jitħallsu l-ispejjeż tal-festi tal-Għid.
Sa ssir Ħarġa għal Għawdex l-għada tal-Għid. Tistgħu taraw il-programm online jew fuq in-notice boards. Biljetti mis-sagristija.
Xieraq li nsarrfu s-sawm tar-Randan f’karità lejn min hu fil-bżonn. Tistgħu tħallu oġġetti tal-ikel fil-qfief ħdejn in-niċċa ta’ Sant’Antnin għall-persuni fil-bżonn. Dak li jinġabar sa jingħata lill-Franciscan Welfare Association biex tqassmu skont il-ħtieġa.
Matul il-Ġimgħa Mqaddsa tkun meħtieġa l-għajnuna għal diversi xogħolijiet li jridu jsiru bi tħejjija għall-festi. Inħeġġu lil kulħadd biex jagħti sehemu mill-aħjar li jista’ biex, bħala komunità nisranija, nitħejjew għall-Għid flimkien anki fil-ħtiġijiet materjali. Dawk li jistgħu joffru ftit għajnuna jitkellmu mal-patrijiet.