Wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-komunità Nisranija huwa li tagħti xhieda tal-fidi tagħha u twassal l-Evanġelju ta’ Ġesù lil kull bniedem. Il-Parroċċa tagħna tfittex li twettaq dan b’diversi modi, fosthom billi toffri katekeżi lit-tfal.
Sa ftit snin ilu l-Parroċċa, biex toffri katekeżi tajba lit-tfal, kienet isserraħ fuq is-servizz ġeneruż tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) bl-għajnuna ta’ ftit parruċċani. Meta mbagħad ħames snin ilu din is-Soċjetà ma setgħetx tkompli twettaq l-appostolat tagħha f’Burmarrad, beda jintuża ċ-Ċentru Parrokkjali u ngħata mandat lil xi katekisti lajċi biex, flimkien mal-patrijiet, ikomplu dan il-ministeru għażiż.
Sa ftit xhur ilu kienu rranġati żewġt ikmamar u tgħammru b’mezzi teknoloġiċi biex jilqgħu fihom lit-tfal bl-aħjar mod. Madanakollu ċ-ċokon tal-Parroċċa tagħna dejjem joffri sfida ta’ riżorsi, l-aktar tar-riżorsi umani. Kulħadd jifhem li, minkejja li dan joħloq sfida li familji f’Parroċċi oħra ma jkollhomx, il-familji ta’ Burmarrad ikollhom joħorġu barra mir-raħal biex jirċievu diversi servizzi u jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ kull tip saħansitra għall-iskola.
Minħabba li għas-7 snin (klassijiet) tal-katekeżi kien hemm biss 3 katekisti, rajna li mhux possibbli li nibqgħu noffru katekeżi xierqa jekk ma ngħaqqdux il-forzi tagħna ma’ dawk ta’ parroċċi qrib tagħna. Kulħadd jaf li n-numru tal-patrijiet qiegħed jonqos u għalhekk, bid-diversi impenji oħra li jkollhom il-patrijiet tal-Parroċċa ma jkunx possibbli li jkunu dejjem preżenti mat-tfal. L-istil tal-Knisja huwa dejjem stil ta’ komunjoni ma’ aħwa oħra għaliex il-Mulej stess isejħilna biex inkunu aħwa u żgur li l-ebda preġudizzju fuq komunitajiet / irħula oħra m’għandu jwaqqafna milli nersqu lejn l-oħrajn u niftħu qalbna għal xulxin.
Sar ftehim mal-Parroċċa tal-Qawra biex, minn din is-sena kateketika, it-tfal tas-snin tal-iskola primarja jibdew jattendu għal-laqgħat fiċ-Ċentru tal-Qawra. Dan ma jfissirx li fil-Parroċċa tagħna mhux sa ssir aktar katekeżi; sabiex it-tfal jibqgħu jħossuhom parti mill-komunità Parrokkjali flimkien mal-familja tagħhom, il-laqgħa l-aktar importanti tal-Quddiesa ta’ kull nhar ta’ Ħadd sa tibqa’ ssir għat-tfal kollha fl-10.00am Burmarrad stess. L-istess sa jsir għal attivitajiet oħra ta’ matul is-sena. It-tfal li jkunu qed iħejju ruħhom għas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof sa jirċievu l-katekeżi kollha f’Burmarrad biex hekk jibdew isiru aktar midħla tal-Parroċċa u jitħejjew biex jipparteċipaw b’mod aktar attiv fil-ħajja tagħha. Intgħażlet il-Parroċċa tal-Qawra minħabba li hija qrib tal-Parroċċa tagħna, it-tfal kollha subien u bniet jattendu f’Ċentru wieħed fl-istess ħinijiet u hemm faċilità ta’ parkeġġ għal numru kbir ta’ karozzi eżatt biswit iċ-Ċentru
Nifhmu li kull bidla ġġib magħha xi sfidi. Kien għalhekk li, wara li d-diskussjoni nbdiet fl-Assemblea Parrokkjali – laqgħa li għaliha kienu mistiedna l-Parruċċani kollha – fil-15 ta’ Mejju 2023, saret laqgħa għall-ġenituri kollha fil-21 ta’ Awwissu biex ikun ikkomunikat dan it-tibdil u jkun hemm żmien biżżejjed biex jinstabu soluzzjonijiet fejn ikun hemm xi diffikultà. Bħalma kien jiġri qabel, jekk xi ħadd ma jkunx jista’ jattendi fil-ġranet li fihom issir il-katekeżi għall-Parroċċi tagħna, il-ġenituri jkunu fil-libertà li jsibu Ċentru li jaqdi aħjar l-eżiġenzi tagħhom filwaqt li jibqgħu jiċċelebraw l-Ewkaristija tal-Ħadd magħna u jieħdu sehem f’attivitajiet oħra. Jekk ikunu jridu, wara li jkunu rċevew il-formazzjoni Nisranija xierqa f’Parroċċa oħra, ikunu jistgħu jirċievu s-Sagramenti ma’ sħabhom fil-Parroċċa tagħna.
F’każ li t-tfal ikunu sa jattendu f’xi Ċentru ieħor barra dak tal-Qawra għandu jkun infurmat il-kappillan. Għal dawk li sa jattendu għal-laqgħat fiċ-Ċentru tal-Qawra ma jkunx meħtieġ li ssir reġistrazzjoni oħra mill-ġdid u t-tfal ġodda għandhom ikunu rreġistrati f’Burmarrad stess.
Nafdaw fil-kooperazzjoni tal-ġenituri li għandhom għal qalbhom il-formazzjoni Nisranija ta’ wliedhom u li, kif ħadu l-impenn li jrabbuhom bħala Nsara dakinhar tal-Magħmudija, żgur li sa jkomplu jfittxu li jaqdu b’fedeltà dan id-dmir tagħhom anki meta dan jitlob xi ftit tas-sagrifiċċju. Dan nemmnuh għaliex diġà naraw kemm il-ġenituri jimpenjaw ruħhom biex joffru lil uliedhom attivitajiet f’oqsma oħra li għalihom, minbarra li jħallsu, ikollhom ukoll iwassluhom fi rħula oħra.
Nappellaw biex min jixtieq aktar tagħrif jikkuntattja direttament lill-Parroċċa u ma jserraħx fuq għajdut ieħor. Ir-raġunijiet kollha għal dan it-tibdil huma mniżżla b’mod ċar hawn fuq.