Avviżi – 20 ta’ Ġunju 2021
Matul il-ġimgħa li ġejja sa nkunu qed niċċelebraw il-Festa Titulari f’ġieħ il-Qalb bla tebgħa ta’ Marija. Din hija okkażjoni biex flimkien bħala komunità nisranija, fuq l-eżempju ta’ Ommna Marija, nagħmlu mixja spiritwali. Nistednukom biex tingħaqdu magħna f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-fidi tagħna.
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa kuljum nitolbu r-Rużarju u l-Kurunella fis-6.30pm u niċċelebraw il-Quddiesa fis-7pm.
- It-Tnejn, tkun Quddiesa bis-sehem tat-tfal li fiha l-abbatini jġeddu l-impenn tagħhom.
- It-Tlieta, nitolbu għat-trabi u t-tfal ċkejknin li tgħammdu mill-aħħar festa.
- L-Erbgħa, nitolbu mal-morda u l-anzjani. Tkun ħaġa sabiħa li nwasslu lill-anzjani tagħna li ma jifilħux jiġu waħedhom. Dakinhar iz-zuntier ikun miftuħ għall-parking. Dawk li jixtiequ jirċievu l-Griżma tal-Morda għandhom jinfurmawna sa nhar it-Tlieta.
- Il-Ħamis, il-quddiesa tkun bis-sehem taż-żgħażagħ tal-parroċċa u tal-letturi li dakinhar jiġġedded il-mandat tagħhom.
- Il-Ġimgħa, nitolbu flimkien mal-koppji li sa jiżżewwġu, li żżewwġu mill-festa li għaddiet u dawk li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali.
- Is-Sibt, fis-6.30pm tibda t-traslazzjoni bir-relikwa u t-talba ta’ filgħaxija (l-Għasar) u fis-7pm quddiesa mmexxija mill-Provinċjal.
- Il-Ħadd, fid-9.30am nitolbu t-talba ta’ filgħodu u fl-10am tibda l-quddiesa solenni tal-Festa. Filgħaxija ssir quddiesa fis-6pm u fis-7pm ċelebrazzjoni tal-Għasar, Rużarju u Barka Sagramentali bis-sehem tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, tal-Kummissjoni Festa u tal-Għaqdiet tal-parroċċa.
Kif tafu l-festa ġġib magħha ħafna xogħol u spejjeż anki jekk tkun festa sempliċi bħal dik li sa nagħmlu din is-sena. Għalhekk nitolbu l-għajnuna ta’ dawk li jistgħu joffru ftit ħin ta’ għajnuna mit-8am ’il quddiem kuljum matul din il-ġimgħa. Dawk li jistgħu jgħinu biex jittaffew l-ispejjeż jistgħu jieħdu envelope minn ħdejn il-bieb tal-knisja u jħallu l-offerta tagħhom fih. Min jixtieq joffru bukkett ta’ fjuri jista’ jħalli ismu mal-patrijiet sal-lum.
Jalla din il-Festa tkun okkażjoni ta’ smigħ tal-Kelma ta’ Alla, ta’ għaqda u rikonċiljazzjoni u ta’ servizz lejn l-aħwa fuq l-eżempju ta’ Marija.