Matul din il-ġimgħa niċċelebraw il-Festa Titulari fil-parroċċa tagħna. Nistednukom biex ningħaqdu flimkien bħala komunità, nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, niċċelebraw l-Ewkaristija u naqsmu ma’ xulxin il-ferħ tal-ħajja Nisranija.
Illum, il-Ħadd 23 ta’ Ġunju nibdew il-Festa Titulari bil-ħruġ min-niċċa tal-vara titulari wara l-quddiesa tas-7.00pm. Eżatt wara ssir laqgħa għal dawk li sa jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Festa. L-attendenza ta’ kull persuna involuta hija importanti biex kollox ikun organizzat kif jixraq.
Matul din il-ġimgħa kuljum nitolbu r-rużarju fis-6.30pm u niċċelebraw il-quddiesa fis-7.00pm.
Nhar it-Tnejn 24 ta’ Ġunju fi tmiem il-quddiesa ssir il-preżentazzjoni tat-trabi u t-tfal lill-Madonna.
Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Ġunju nitolbu għall-morda u l-anzjani. Dawk li jixtiequ jirċievu s-Sagrament tad-Dilka tal-Morda jinfurmaw lill-patrijiet sa nhar it-Tlieta.
Nhar il-Ħamis 27 ta’ Ġunju nitolbu għall-koppji u l-familji. Huma mistiedna b’mod partikulari l-koppji li sa jiżżewġu, dawk li żżewġu fl-aħħar sena u dawk li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali taż-żwieġ.
Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju jieħdu sehem fil-quddiesa t-tfal, iż-żgħażagħ u l-abbatini. L-abbatini jġeddu l-impenn tagħhom għas-sena li ġejja. Wara l-quddiesa t-tfal huma mistiedna jieħdu sehem fil-marċ u jġorru l-istatwa żgħira tal-Madonna.
Nhar is-Sibt 29 ta’ Ġunju, lejlet il-Festa, it-traslazzjoni tibda fis-6.00pm. Mal-wasla fil-Knisja għas-6.30pm jibda l-Ewwel Għasar. Fis-7.00pm quddiesa.
Nhar il-Ħadd 30 ta’ Ġunju, jum il-Festa, il-quddies ikun fis-6.00am, fl-10.00am u fis-6.00pm. Fid-9.30am niċċelebraw it-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum qabel il-quddiesa Solenni tal-10.00am. Fi tmiem il-quddiesa tingħata tifkira lil dawk li rċevew il-Griżma tal-Isqof u l-Ewwel Tqarbina din is-sena. Wara l-quddiesa tal-10.00am kulħadd mistieden fid-Dar Parrokkjali għal riċeviment żgħir.
Fis-7.00pm jibda t-Tieni Għasar Solenni u wara toħroġ il-purċissjoni li tgħaddi minn dawn it-toroq: Burmarrad, San Pawl Milqi, San Ġwanni Pawlu II, Magħsar u Burmarrad lejn il-Knisja. Fl-ewwel parti tal-purċissjoni nitolbu r-rużarju. Napprezzaw il-kooperazzjoni mal-pulizija biex fit-toroq tal-purċissjoni jitneħħew il-karozzi.
Matul il-ġimgħa tal-Festa tkun meħtieġa l-għajnuna għall-armar tal-Knisja. Dawk li jistgħu jgħinu jħallu isimhom, il-ġranet u l-ħinijiet li jkunu jistgħu jgħinu fihom fis-sagristija.
Nhar it-Tnejn 1 ta’ Lulju ssir biss quddiesa waħda fl-10.00am. Wara l-quddiesa tiżżarma l-Knisja. Kull għajnuna tkun apprezzata.
Ħdejn il-bibien tal-Knisja ssibu envelopes li fihom tistgħu tpoġġu l-offerta tagħkom bħala għajnuna għall-ispejjeż tal-festa. Grazzi tal-ġenerożità tagħkom.
Nawguraw il-Festa t-tajba lil kulħadd.