Nhar il-Ħadd 19 ta’ Ġunju fi tmiem il-quddiesa tal-10.00am nilqgħu lil Ommna Marija fil-bidu tal-Festa tagħha permezz tal-ħruġ min-niċċa.
Wara l-quddiesa tal-10.00am sa ssir laqgħa organizzattiva għal dawk kollha li sa jieħdu sehem fil-Festa (Kummissjoni Festa, Reffiegħa, Forċini, Fratelli, Helpers u l-Abbatini l-Kbar).
Il-quddiesa ta’ filgħaxija ta’ nhar il-Ħadd tkun fil-5.00pm u fiha tingħata l-Ewwel Tqarbina lit-tfal. Fis-6.00pm issir purċissjoni b’Ġesù Sagramentat li tgħaddi minn Misraħ Burmarrad, Triq il-Magħsar, Triq P. Wistin Magro, Triq San Pawl Milqi u Triq Burmarrad.
Ma jkunx hawn quddiesa fis-7.00pm.
Nhar it-Tnejn 20 ta’ Ġunju fis-6.30pm Rużarju u fis-7.00pm issir quddiesa tal-Festa għat-tfal tal-parroċċa. Fil-quddiesa l-abbatini jġeddu l-impenn tagħhom. Wara l-quddiesa jkun hemm xi ħaġa tajba għal kulħadd fuq iz-zuntier.
Nhar it-Tlieta 21 ta’ Ġunju fis-6.30pm Rużarju u fis-7.00pm issir quddiesa li fiha jkunu ppreżentati t-trabi u t-tfal lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija
Nhar l-Erbgħa 22 ta’ Ġunju fis-6.30pm Rużarju u fis-7.00pm issir quddiesa li fiha jieħdu sehem il-morda u l-anzjani tal-parroċċa u jkun amministrat is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda. Tkun ħaġa sabiħa li nwasslu lill-anzjani u l-morda tagħna fil-Knisja. Dawk li jixtiequ jirċievu d-Dilka tal-Morda għandhom jinfurmaw lill-patrijiet sa nhar it-Tlieta.
Nhar il-Ħamis 23 ta’ Ġunju fis-6.30pm Rużarju u fis-7.00pm issir quddiesa li fiha jieħdu sehem iż-żgħażagħ tal-parroċċa u jiġġedded il-mandat tal-letturi.
Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju fis-6.30pm Rużarju u fis-7.00pm issir quddiesa li fiha jieħdu sehem il-familji u l-koppji b’mod speċjali dawk li qed jiċċelebraw xi anniversarju partikulari ta’ żwieġ u dawk li qed iħejju għaż-żwieġ.
Fil-marċ li jsir filgħaxija t-tfal jerfgħu u jakkumpanjaw l-istatwa żgħira tal-Madonna mill-kantuniera ta’ Triq San Pawl Milqi.
Nhar is-Sibt 25 ta’ Ġunju fis-5.45pm tibda translazzjoni Solenni, fis-6.30pm niċċelebraw l-ewwel Għasar Solenni fil-Knisja u fis-7.00pm issir Quddiesa Kantata.
Dakinhar ma jkunx hemm quddiesa fil-Knisja tal-Lunzjata fis-Salina.
Nhar il-Ħadd 26 ta’ Ġunju – Jum il-Festa Titulari fid-9.30am issir it-talba ta’ filgħodu fil-Knisja u wara l-Quddiesa Solenni tal-Festa li tibda fl-10.00am. Il-Quddiesa ta’ filgħaxija tkun fis-6.00pm. Fis-7.00pm ċelebrazzjoni tat-Tieni Għasar u l-Purċissjoni li tgħaddi minn Triq Burmarrad, Triq San Pawl Milqi, Triq Papa Ġwanni Pawlu II, Triq Magħsar u lura lejn il-Knisja. Fl-ewwel parti tal-purċissjoni nitolbu r-Rużarju flimkien.
Nitolbu l-koperazzjoni tagħkom biex fil-ħin tal-purċissjoni ma jkunx hemm karozzi pparkjati f’dawn it-toroq.
Il-grawnd tal-futbol sa jkun miftuħ għall-parking mill-Ġimgħa waranofsinhar sat-Tnejn filgħodu.
Dawk li jixtiequ joffru bukkett fjuri jew donazzjoni għall-fjuri li jsiru fil-jiem tal-festa jistgħu iħallu l-għotja tagħhom fis-sagristija.
Matul din il-ġimgħa tkun apprezzata kull għajnuna fix-xogħol ta’ preparazzjoni għall-festa. Nirringrazzjaw lil dawk li jistgħu joffru xi ftit ħin.