Avviżi – L-11 ta’ Ġunju 2023

It-Tlieta 13 ta Ġunju niċċelebraw il-Festa ta’ Sant’Antnin. Nistiednu lit-tfal kollha li jattendu għall-katekeżi biex jieħdu sehem fil-quddiesa tas-7.00pm li tkun il-konklużjoni tas-sena. Dakinhar dawk li rċevew il-Griżma tal-Isqof u l-Ewwel Tqarbina jingħataw tifkira.

L-Erbgħa 14 ta’ Ġunju issir Lectio Divina fis-7.30pm.

Il-Ħamis 15 ta’ Ġunju issir Adorazzjoni Ewkaristika fis-7.30pm.

Is-Sibt 17 ta’ Ġunju ikun hemm Festa Familja fuq iz-zuntier mit-8.00pm ’il quddiem.

Il-Ħadd 18 ta’ Ġunju nibdew il-Festa Titulari bil-ħruġ min-niċċa tal-vara titulari wara l-quddiesa tas-7.00pm.

Matul il-jiem tal-Festa tkun ħaġa sabiħa li nżejnu l-Knisja bil-fjuri. Dawk li jixtiequ joffru l-għotja tagħhom għall-fjuri nitolbuhom iħallu isimhom fis-sagristija mill-aktar fis.

Matul il-ġimgħa tal-Festa tkun meħtieġa l-għajnuna għall-armar tal-Knisja. Dawk li jistgħu jgħinu jħallu isimhom, il-ġranet u l-ħinijiet li jkunu jistgħu jgħinu fihom fis-sagristija.

Avviżi – 14 ta’ Mejju 2023

It-Tnejn 15 ta’ Mejju sa ssir l-Assemblea Parrokkjali fit-7.45pm fid-Dar Parrokkjali. Dan hu appuntament speċjali għall-parroċċa għaliex fl-assemblea, kull min għandu għal qalbu l-ħajja tal-parroċċa tagħna, hu mistieden biex jgħin fil-proċess ta’ diskussjoni attenta għar-rieda ta’ Alla u evalwazzjoni biex il-parroċċa tagħna tkun komunità aktar ħajja. Kulħadd mistieden.

It-Tlieta 16 ta’ Mejju isir it-tberik ta’ Triq San Pawl Milqi u parti minn Triq P. Wistin Magro. Ikun hemm mument ta’ talb mal-familji ta’ dawn it-toroq fi Triq P. Wistin Magro (kantuniera ma’ Triq San Pawl Milqi) fis-7.00pm.

L-Erbgħa 17 ta’ Mejju issir Lectio Divina fis-7.30pm.

Il-Ġimgħa 19 ta’ Mejju isir it-tberik ta’ Triq P. Wistin Magro (in-naħa taċ-Ċentru) u Triq ir-Rumani. Ikun hemm mument ta’ talb mal-familji ta’ dawn it-toroq quddiem iċ-Ċentru Parrokkjali fis-7.00pm.

Il-quddiesa ta’ filgħaxija nhar it-Tlieta u l-Ġimgħa tkun fis-6.15pm. (Il-Knisja tiftaħ fis-6.00pm).

Is-Sibt 20 ta’ Mejju ssir iċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewwel Qrara tat-tfal fil-5.00pm fil-Knisja.

Avvii – 30 ta’ April 2023

Illum l-aħħar Ħadd tax-xahar issir il-ġabra speċjali għall-knisja. Grazzi tal-għotjiet ġenerużi li jsostnu l-ħidma tal-parroċċa.

Illum niċċelebraw Jum il-Vokazzjonijiet. Għalhekk bejn is-7.00am u l-10.00am u bejn is-6.00pm u s-7.00pm issir Adorazzjoni Ewkaristika bħala talba għal aktar vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża.

Nhar it-Tlieta 2 ta’ Mejju ssir l-aħħar laqgħa tal-kors ta’ formazzjoni liturġika fis-7.30pm fid-Dar Parrokkjali.

Nhar l-Erbgħa 3 ta’ Mejju Lectio Divina fis-7.30pm.

Minħabba li mhux possibbli li l-patrijiet jilħqu jżuru l-familji kollha tal-parroċċa fi żmien l-Għid, ħsibna li matul ix-xahar ta’ Mejju jkollna xorta waħda okkażjoni biex isir it-tberik tal-familji li jkunu jixtiequ f’ħin li aktar nies ikunu diġà waslu lura d-dar mix-xogħol u attivitajiet oħra bejn is-7.00pm u t-8.00pm.

Għalhekk sa jasal avviż f’kull dar bil-jum li fih ikun sa jsir ħin ta’ talb f’dik it-triq partikulari. Għal dan nistiednu lill-familji jinġabru għat-talb flimkien imbagħad il-patrijiet jgħaddu jbierku lil dawk li jkunu jixtiequ u jkunu nġabru fil-bieb tad-dar jew tal-blokka tal-appartament tagħhom.

Dawk li jkunu jixtiequ jitkellmu aktar fit-tul ikunu jistgħu jagħmlu appuntament mal-patrijiet anki billi jibgħatu email fuq [email protected] jew messaġġ fuq 77622275.

Il-quddiesa ta’ filgħaxija f’dawn il-jiem issir fis-6.15pm. (Il-Knisja tkun miftuħa mis-6.00pm)

Nhar il-Ħamis 4 ta’ Mejju il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun fis-6.15pm u wara jkun hemm ħin ta’ talb fil-kjostru tal-kunvent u t-tberik tal-familji fi Triq Burmarrad.

Nhar il-Ħadd 7 ta’ Mejju sa jsir pellegrinaġġ għas-Santwarju tal-Madonna tas-Saħħa fil-Knisja ta’ San Franġisk fir-Rabat b’quddiesa fid-9.30am. Dakinhar dawk li sa jirċievu s-sagramenti tal-Griżma tal-Isqof u t-Tqarbin għall-ewwel darba sa jkollhom nofstanhar irtir flimkien mal-ġenituri tagħhom bi tħejjija.

Fadal l-aħħar ftit postijiet għas-safra għal Assisi li sa ssir bejn it-18 u t-22 ta’ Lulju. Dawk li huma interessati għandhom ikellmu lill-patrijiet sal-lum.