Mill-Ħadd 18 ta’ April 2021

Dawk il-persuni morda u anzjani li ma joħorġux minn djarhom u li ilhom aktar minn ħmistax-il jum li ħadu t-tieni doża tat-tilqima kontra l-Covid-19 jistgħu jerġgħu jibdew jitqarbnu fi djarhom. Għalhekk nitolbukom tinfurmawna jekk tafu b’xi ħadd li jixtieq jirċievi t-tqarbin u mistax joħroġ.

Għalkemm il-laqgħat ta’ katekeżi sa jibqgħu jsiru online sakemm jingħata avviż ieħor, inħeġġu lit-tfal kollha flimkien mal-familji tagħhom biex jieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd fl-10am. It-tfal għandhom iħallu isimhom mal-ushers ħdejn il-bieb tal-knisja biex tkun tista’ tinżamm l-attendenza.

Infakkru li m’għandniex ninġabru fi gruppi ta’ aktar minn żewġ persuni fuq iz-zuntier u li kif tispiċċa l-quddiesa min ma jkunx sa jibqa’ jitlob fis-skiet f’postu għandu joħroġ minnufih mill-Knisja.

Nirringrazzjaw lil dawk kollha li matul dan iż-żmien diffiċli kienu ta’ għajnuna u sostenn għall-parroċċa u l-komunità tal-patrijiet.

Avviżi 10 ta’ Jannar 2021

Matul din il-ġimgħa terġa’ tibda l-katekeżi tat-tfal fil-parroċċa. Il-ġenituri jirċievu d-dettalji permezz ta’ email. Id-dettalji jkunu wkoll fuq il-paġna ta’ Facebook Footsteps Burmarrad. Infakkru fl-importanza tal-laqgħat ta’ katekeżi u b’mod speċjali tal-quddiesa tal-Ħadd. Dawk li għal xi raġuni serja ma jkunux jistgħu jattendu għandhom jiddiskutu d-diffikultà tagħhom ma’ Fr Allister li huwa responsabbli mill-katekeżi tat-tfal jew mal-Kappillan.

Wasalna biex niċċelebraw il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa tagħna. Il-programm sa jkun limitat għaċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi fil-knisja bejn is-Sibt 16 u t-Tnejn 18 ta’ Jannar. Meta tgħaddi l-pandemija u jkun il-waqt isiru attivitajiet soċjali li jgħinuna niċċelebraw dan l-anniversarju bħala familja parrokkjali. Nistednukom li tieħdu sehem f’dawn il-funzjonijiet u ħin ta’ adorazzjoni li sa jsiru fil-knisja.

Matul il-ġimgħa li ġejja sa jkollna fostna wkoll il-wirja tal-Mirakli Ewkaristiċi li kien ħejja l-Beatu Carlo Acutis, żagħżugħ ta’ 15-il sena li miet fl-2006.