Avviżi – 6 ta’ Ġunju 2021

  • Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ġunju niċċelebraw il-Festa tal-Qalb ta’ ĠesùFil-quddiesa tas-7pm issir il-konklużjoni tas-sena kateketika bil-parteċipazzjoni tat-tfal tal-parroċċa (dawk li s-soltu jkollhom il-laqgħa ta’ Katekeżi nhar ta’ Ġimgħa, illum ma ssirx). Nistiednu lit-tfal biex iġibu magħhom xemgħa jew fjuri biex jitqiegħdu quddiem Ġesù. Infakkrukom li minkejja li l-laqgħat ta’ katekeżi jieqfu għas-Sajf, il-quddiesa tal-Ħadd fl-10am (li fiha jkun hemm Katekeżi apposta għat-tfal) tibqa’ ssir matul is-sena kollha. Bħala Nsara hija ħaġa importanti ħafna għalina li niċċelebraw il-quddiesa flimkien kull nhar ta’ Ħadd.

 

 

  • Nhar is-Sibt 12 ta’ Ġunju niċċelebraw il-Festa Liturġika tal-Qalb bla tebgħa ta’ MarijaFis-6.30pm nitolbu r-rużarju u l-kurunella u fis-7pm Quddiesa.​

 

  • Nhar il-Ħadd 13 ta’ Ġunju niċċelebraw il-Festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova fil-quddiesa tal-10am. Fi tmiem il-quddiesa jsir it-tberik tal-ħobż b’tifkira tal-karità mal-foqra tal-qaddis f’Padova.

 

Avviżi – 30 ta’ Mejju 2021

Il-Ħamis 3 ta’ Ġunju wara l-quddiesa tas-7pm issir Adorazzjoni Ewkaristika fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Corpus Domini – Il-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù. Tkun ħaġa sabiħa li, għalkemm din is-sena ma nistgħux nagħmlu l-purċissjoni b’Ġesù Sagramentat, ngħaddu ftit ħin fit-talb u l-adorazzjoni flimkien.

Il-Ħadd 6 ta’ Ġunju grupp ta’ tfal mill-parroċċa tagħna sa jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Nitolbu għalihom biex din il-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù tkompli tkabbar l-imħabba tiegħu fihom.

Infakkru li bħala nsara huwa dmir tagħna li nħarsu saħħitna u saħħet xulxin u għalhekk, sakemm mhix indikat mod ieħor mit-tobba tagħna, aħna għandna nieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19. Dawk li għadhom ma applikawx u ma jafux kif għandhom jagħmlu dan jistgħu jkellmu lill-patrijiet wara l-quddiesa biex issir l-applikazzjoni mill-knisja stess.

Avviżi – 16 ta’ Mejju 2021

Nitolbu għaż-żgħażagħ li sa jirċievu l-Griżma tal-Isqof nhar il-Ħadd li ġej biex l-Ispirtu s-Santu li sa jissawwab fuqhom jimlihom bil-ħajja ġdida ta’ Ġesù huma u jikkonfermaw il-fidi tagħhom u jsaħħu r-rabta tagħhom mal-komunità nisranija.

Nhar il-Ħamis fis-7.30pm sa jsiru l-provi għal dawk li sa jirċievu l-Griżma tal-Isqof flimkien mal-parrini tagħhom wara mument qasir ta’ talb flimkien.

F’dan iż-żmien tas-sena hija drawwa li jsir it-tindif tal-partijiet tal-knisja li ma jitnaddfux kull ġimgħa. Biex dan ikun jista’ jsir hija meħtieġa l-għajnuna ta’ aktar nies u għalhekk nitolbu lil dawk li jistgħu jagħtu xi ftit għajnuna biex jiġu nhar ta’ Tnejn wara t-8am.

Nhar is-Sibt 22 ta’ Mejju, l-Kummissjoni Festa sa torganizza Burger Delivery Night. Booking għand il-membri tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju.