Avviżi – 6 ta’ Frar 2022

Nhar l-Erbgħa 9 ta’ Frar issir Lectio Divina fis-7pm.

Nhar il-Ħamis 10 ta’ Frar, Festa ta’ San Pawl, il-quddies ikun bħal tal-Ħadd fis-6.00am, fl-10.00am u fis-6.15pm.

Minn nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Frar sal-Ħadd 13 ta’ Frar sa jkollna fostna x-xbieha tal-Madonna tas-Saħħa mis-Santwarju tar-Rabat. Il-Ġimgħa fis-5.45pm nitolbu r-rużarju quddiem ix-xbieha tal-Ommna Marija fit-tifkira tal-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes.

Infakkru lill-Operaturi Pastorali biex jirreġistraw fuq knisja.mt/registrazzjoni.

Il-Kummissjoni Festa qed tbigħ ħelu b’risq il-Festa. Min jixtieq jista’ jordna mingħand il-membri tal-Kummissjoni.

Avviżi – 18 ta’ Lulju 2021

  • Illum il-Knisja tfakkar Jum in-Nanniet. Nitolbu għan-nanniet biex il-Mulej ikompli jħarishom u jsaħħaħhom fis-sejħa tagħhom li jkunu xhieda tal-fidi għal uliedhom u ulied uliedhom.
  • Nilqgħu fostna lil Fra Robert Calleja u lil Fra Mauro Zammit li sa jkunu fil-komunità tagħna għal ftit taż-żmien. Fra Mauro sa jkun qiegħed jagħmel il-professjoni sempliċi u Fra Robert sa jirċievi l-Ordinazzjoni tad-djakonat. Dawn iż-żewġ ċelebrazzjonijiet sa jsiru fil-parroċċa tagħna fil-ġimgħat li ġejjin. Matul il-ġimgħatejn li ġejjin sa nkunu qed nitolbu b’mod speċjali għall-vokazzjonijiet reliġjużi u saċerdotali l-aktar permezz tar-rużarju li jingħad kuljum qabel il-quddies.
  • Il-Ħamis fis-7.30pm issir nofs siegħa Adorazzjoni Ewkaristika bi tħejjija għall-Professjoni Reliġjuża ta’ Fra Mauro Zammit.
  • Il-Ġimgħa fis-7.30pm sa ssir laqgħa qasira fil-Knisja li fiha tkun ippreżentata t-tifsira tal-Professjoni Reliġjuża. Nistiednu lil kulħadd biex ninġabru flimkien fil-knisja biex nifhmu aħjar il-mument li fih żagħżugħ ikun ikkonsagrat lil Alla bħala patri fil-ħajja reliġjuża.

Avviżi – 20 ta’ Ġunju 2021

Matul il-ġimgħa li ġejja sa nkunu qed niċċelebraw il-Festa Titulari f’ġieħ il-Qalb bla tebgħa ta’ Marija. Din hija okkażjoni biex flimkien bħala komunità nisranija, fuq l-eżempju ta’ Ommna Marija, nagħmlu mixja spiritwali. Nistednukom biex tingħaqdu magħna f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-fidi tagħna.

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa kuljum nitolbu r-Rużarju u l-Kurunella fis-6.30pm u niċċelebraw il-Quddiesa fis-7pm.

  • It-Tnejn, tkun Quddiesa bis-sehem tat-tfal li fiha l-abbatini jġeddu l-impenn tagħhom.
  • It-Tlieta, nitolbu għat-trabi u t-tfal ċkejknin li tgħammdu mill-aħħar festa.
  • L-Erbgħa, nitolbu mal-morda u l-anzjani. Tkun ħaġa sabiħa li nwasslu lill-anzjani tagħna li ma jifilħux jiġu waħedhom. Dakinhar iz-zuntier ikun miftuħ għall-parking. Dawk li jixtiequ jirċievu l-Griżma tal-Morda għandhom jinfurmawna sa nhar it-Tlieta.
  • Il-Ħamis, il-quddiesa tkun bis-sehem taż-żgħażagħ tal-parroċċa u tal-letturi li dakinhar jiġġedded il-mandat tagħhom.
  • Il-Ġimgħa, nitolbu flimkien mal-koppji li sa jiżżewwġu, li żżewwġu mill-festa li għaddiet u dawk li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali.
  • Is-Sibt, fis-6.30pm tibda t-traslazzjoni bir-relikwa u t-talba ta’ filgħaxija (l-Għasar) u fis-7pm quddiesa mmexxija mill-Provinċjal.
  • Il-Ħadd, fid-9.30am nitolbu t-talba ta’ filgħodu u fl-10am tibda l-quddiesa solenni tal-Festa. Filgħaxija ssir quddiesa fis-6pm u fis-7pm ċelebrazzjoni tal-Għasar, Rużarju u Barka Sagramentali bis-sehem tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, tal-Kummissjoni Festa u tal-Għaqdiet tal-parroċċa.

 

Kif tafu l-festa ġġib magħha ħafna xogħol u spejjeż anki jekk tkun festa sempliċi bħal dik li sa nagħmlu din is-sena. Għalhekk nitolbu l-għajnuna ta’ dawk li jistgħu joffru ftit ħin ta’ għajnuna mit-8am ’il quddiem kuljum matul din il-ġimgħa. Dawk li jistgħu jgħinu biex jittaffew l-ispejjeż jistgħu jieħdu envelope minn ħdejn il-bieb tal-knisja u jħallu l-offerta tagħhom fih. Min jixtieq joffru bukkett ta’ fjuri jista’ jħalli ismu mal-patrijiet sal-lum.

 

Jalla din il-Festa tkun okkażjoni ta’ smigħ tal-Kelma ta’ Alla, ta’ għaqda u rikonċiljazzjoni u ta’ servizz lejn l-aħwa fuq l-eżempju ta’ Marija.