Avviżi – 25 ta’ Settembru 2022

  • Mil-lum il-quddiesa ta’ filgħaxija tibda tkun kuljum fis-6.15pm filwaqt li l-quddiesa tal-Ħadd fl-10.00am tkun bis-sehem tat-tfal li jattendu għall-katekeżi fil-parroċċa.
  • Nhar it-Tnejn 26 ta’ Settembru sa ssir il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kummissjoni Festa. Dawk li jixtiequ jkunu membri ta’ din il-kummissjoni għandhom jgħarrfu lill-kappillan.
  • Nhar it-Tlieta 27 ta’ Settembru sa ssir laqgħa għal-letturi u l-animaturi tal-liturġija fis-7.00pm fil-Knisja. Din hija laqgħa ta’ formazzjoni importanti ħafna u nħeġġu li l-letturi kollha jkunu preżenti.
  • Nhar l-Erbgħa fis-6.45pm issir il-Lectio Divina fuq is-silta tal-Evanġelju tal-Ħadd.
  • Nhar il-Ħamis fis-6.45pm issir Adorazzjoni Ewkaristika fil-Knisja. Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja nkunu qed niċċelebraw il-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Għalhekk nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru fis-6.15pm ikollna ċelebrazzjoni penitenzjali bis-sagrament tal-qrar.
  • Nhar is-Sibt 1 ta’ Ottubru nfakkru d-dħul ta’ San Franġisk fil-ħajja ta’ dejjem permezz tat-Transtu u l-Quddiesa fis-6.15pm.
  • Nhar il-Ħadd 2 ta’ Ottubru, wara l-quddiesa tal-10.00am, jkun hemm ħin ta’ attivitajiet għall-familja kollha fil-bitħa tal-kunvent. Dawn l-attivitajiet għat-tfal u l-familja jkunu marbuta mal-ambjent u l-ħolqien li fihom San Franġisk ra s-sbuħija ta’ Alla. Għal nofsinhar ikun hemm l-ikel għall-bejgħ biex inkunu nistgħu ngħaddu ħin flimkien bħala familja nisranija. Fl-4.00pm isir it-tberik tal-annimali domestiċi għand Piscopo Gardens.

Avviżi – L-4 ta’ Settembru 2022

Nhar il-Ħamis 8 ta’ Settembru niċċelebraw is-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Marija.
Il-quddies ikun fil-5.30am u fis-7.00pm.

Għal din il-ġimgħa biss mhux sa jsiru l-Lectio Divina u l-Adorazzjoni Ewkaristika.

Bħala għeluq tal-attivitajiet tas-sajf għat-tfal sa ssir quddiesa nhar il-Ġimgħa fis-
7.00pm u wara jkun hemm logħob fil-bitħa tal-kunvent bejn is-7.30 u 8.30pm għat-tfal
u wara għaż-żgħażagħ.

Dawk li jixtiequ jirreġistraw lil uliedhom għall-katekeżi fil-parroċċa għall-ewwel darba
jistgħu jagħmlu dan fis-sagristija wara l-quddies kollu tal-Ħadd 11 u 18 ta’ Settembru.
Għandhom ikunu preżenti ż-żewġ ġenituri. Il-laqgħat ta’ katekeżi jkunu nhar ta’
Ġimgħa fil-5.00pm u l-Ħadd fl-10.00am.

Avviżi – 19 ta’ Ġunju 2022

Nhar il-Ħadd 19 ta’ Ġunju fi tmiem il-quddiesa tal-10.00am nilqgħu lil Ommna Marija fil-bidu tal-Festa tagħha permezz tal-ħruġ min-niċċa.

Wara l-quddiesa tal-10.00am sa ssir laqgħa organizzattiva għal dawk kollha li sa jieħdu sehem fil-Festa (Kummissjoni Festa, Reffiegħa, Forċini, Fratelli, Helpers u l-Abbatini l-Kbar).

Il-quddiesa ta’ filgħaxija ta’ nhar il-Ħadd tkun fil-5.00pm u fiha tingħata l-Ewwel Tqarbina lit-tfal. Fis-6.00pm issir purċissjoni b’Ġesù Sagramentat li tgħaddi minn Misraħ Burmarrad, Triq il-Magħsar, Triq P. Wistin Magro, Triq San Pawl Milqi u Triq Burmarrad.

Ma jkunx hawn quddiesa fis-7.00pm.

Nhar it-Tnejn 20 ta’ Ġunju fis-6.30pm Rużarju u fis-7.00pm issir quddiesa tal-Festa għat-tfal tal-parroċċa. Fil-quddiesa l-abbatini jġeddu l-impenn tagħhom. Wara l-quddiesa jkun hemm xi ħaġa tajba għal kulħadd fuq iz-zuntier.

Nhar it-Tlieta 21 ta’ Ġunju fis-6.30pm Rużarju u fis-7.00pm issir quddiesa li fiha jkunu ppreżentati t-trabi u t-tfal lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija

Nhar l-Erbgħa 22 ta’ Ġunju fis-6.30pm Rużarju u fis-7.00pm issir quddiesa li fiha jieħdu sehem il-morda u l-anzjani tal-parroċċa u jkun amministrat is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda. Tkun ħaġa sabiħa li nwasslu lill-anzjani u l-morda tagħna fil-Knisja. Dawk li jixtiequ jirċievu d-Dilka tal-Morda għandhom jinfurmaw lill-patrijiet sa nhar it-Tlieta.

Nhar il-Ħamis 23 ta’ Ġunju fis-6.30pm Rużarju u fis-7.00pm issir quddiesa li fiha jieħdu sehem iż-żgħażagħ tal-parroċċa u jiġġedded il-mandat tal-letturi.

 Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju fis-6.30pm Rużarju u fis-7.00pm issir quddiesa li fiha jieħdu sehem il-familji u l-koppji b’mod speċjali dawk li qed jiċċelebraw xi anniversarju partikulari ta’ żwieġ u dawk li qed iħejju għaż-żwieġ.

Fil-marċ li jsir filgħaxija t-tfal jerfgħu u jakkumpanjaw l-istatwa żgħira tal-Madonna mill-kantuniera ta’ Triq San Pawl Milqi.

Nhar is-Sibt 25 ta’ Ġunju fis-5.45pm tibda translazzjoni Solenni, fis-6.30pm niċċelebraw l-ewwel Għasar Solenni fil-Knisja u fis-7.00pm issir Quddiesa Kantata.

Dakinhar ma jkunx hemm quddiesa fil-Knisja tal-Lunzjata fis-Salina.

Nhar il-Ħadd 26 ta’ Ġunju – Jum il-Festa Titulari fid-9.30am issir it-talba ta’ filgħodu fil-Knisja u wara l-Quddiesa Solenni tal-Festa li tibda fl-10.00am. Il-Quddiesa ta’ filgħaxija tkun fis-6.00pm. Fis-7.00pm ċelebrazzjoni tat-Tieni Għasar u l-Purċissjoni li tgħaddi minn Triq Burmarrad, Triq San Pawl Milqi, Triq Papa Ġwanni Pawlu II, Triq Magħsar u lura lejn il-Knisja. Fl-ewwel parti tal-purċissjoni nitolbu r-Rużarju flimkien.

Nitolbu l-koperazzjoni tagħkom biex fil-ħin tal-purċissjoni ma jkunx hemm karozzi pparkjati f’dawn it-toroq.

Il-grawnd tal-futbol sa jkun miftuħ għall-parking mill-Ġimgħa waranofsinhar sat-Tnejn filgħodu.

Dawk li jixtiequ joffru bukkett fjuri jew donazzjoni għall-fjuri li jsiru fil-jiem tal-festa jistgħu iħallu l-għotja tagħhom fis-sagristija.

Matul din il-ġimgħa tkun apprezzata kull għajnuna fix-xogħol ta’ preparazzjoni għall-festa. Nirringrazzjaw lil dawk li jistgħu joffru xi ftit ħin.