Avviżi – 24 ta’ Settembru 2023

Minn nhar it-Tnejn 25 ta’ Settembru l-quddiesa ta’ filgħaxija tibda tkun kuljum fis-6.15pm.

Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Settembru ssir il-Lectio Divina fis-6.45pm.

Nhar il-Ħamis 28 ta’ Settembru issir Adorazzjoni Ewkaristika fis-6.45pm.

Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru niċċelebraw il-Festa tal-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel. Jekk it-temp jippermetti l-quddiesa tas-6.15pm issir fil-Knisja ta’ San Mikiel l-Imdawra. Jekk ikun il-maltemp il-quddiesa ssir fil-Knisja Parrokkjali.

Nhar is-Sibt 30 ta’ Settembru u l-Ħadd 1 ta’ Ottubru nkunu qed niċċelebraw il-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi fil-Parroċċa tagħna:

Is-Sibt filgħaxija fis-6.15pm niċċelebraw it-Transtu (it-tifkira tal-mewt u tad-dħul ta’ S. Franġisk fis-sema)

Il-Ħadd fl-10.00am niċċelebraw il-quddiesa tal-Festa flimkien mat-tfal tal-Parroċċa.
Fil-11.30am isir it-tberik tal-annimali fuq iz-zuntier (ikun hemm ħin biżżejjed biex wara l-quddiesa, dawk li jixtiequ jilħqu jġibu l-annimali tagħhom).

Wasal iż-żmien biex issir il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kummissjoni Festa tal-Parroċċa tagħna. Dawk li jixtiequ jikkollaboraw mal-kappillan fl-organizzazzjoni tal-Festi li tagħmel il-Parroċċa tagħna – kemm dawk li diġà kienu membri u oħrajn li jixtiequ jissieħbu – għandhom ikellmu personalment lill-Kappillan sal-aħħar ta’ Settembru. Min jixtieq ikun jaf x’inhuma r-rekwiżiti biex jissieħeb f’din il-Kummissjoni u x’inhuma d-drittijiet tagħha jista’ jitlob kopja tal-istatuti mis-sagristija.

Avviżi – 17 ta’ Settembru 2023

Kif inhi d-drawwa tal-Knisja sa minn żmien l-Appostli, illum issir il-ġabra għall-Insara fl-Art Imqaddsa. Hekk nuru l-għaqda tagħna mal-Knisja f’Ġerusalemm u ngħinu biex ikunu mħarsa l-postijiet għeżież li fihom għix Ġesù.

Nhar l-Erbgħa 20 ta’ Settembru ssir il-Lectio Divina fis-7.30pm.

Nhar il-Ħamis 21 ta’ Settembru issir Adorazzjoni Ewkaristika fis-7.30pm.

Nhar il-Ħadd 24 ta’ Settembru fil-quddiesa tal-10.00am isir it-tberik tal-istudenti u tal-basktijiet tal-iskola. Minn dakinhar il-quddiesa tal-10.00am ta’ kull nhar ta’ Ħadd terġa’ tibda tkun bl-omelija għat-tfal bħala parti mill-programm ta’ katekeżi. Għalhekk nistiednu lit-tfal kollha biex, flimkien mal-familji tagħhom jieħdu sehem f’din il-quddiesa.

TAGĦRIF FUQ IL-KATEKEŻI TAT-TFAL FIL-PARROĊĊA TAGĦNA

Wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-komunità Nisranija huwa li tagħti xhieda tal-fidi tagħha u twassal l-Evanġelju ta’ Ġesù lil kull bniedem. Il-Parroċċa tagħna tfittex li twettaq dan b’diversi modi, fosthom billi toffri katekeżi lit-tfal.

Sa ftit snin ilu l-Parroċċa, biex toffri katekeżi tajba lit-tfal, kienet isserraħ fuq is-servizz ġeneruż tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) bl-għajnuna ta’ ftit parruċċani. Meta mbagħad ħames snin ilu din is-Soċjetà ma setgħetx tkompli twettaq l-appostolat tagħha f’Burmarrad, beda jintuża ċ-Ċentru Parrokkjali u ngħata mandat lil xi katekisti lajċi biex, flimkien mal-patrijiet, ikomplu dan il-ministeru għażiż.

Sa ftit xhur ilu kienu rranġati żewġt ikmamar u tgħammru b’mezzi teknoloġiċi biex jilqgħu fihom lit-tfal bl-aħjar mod. Madanakollu ċ-ċokon tal-Parroċċa tagħna dejjem joffri sfida ta’ riżorsi, l-aktar tar-riżorsi umani. Kulħadd jifhem li, minkejja li dan joħloq sfida li familji f’Parroċċi oħra ma jkollhomx, il-familji ta’ Burmarrad ikollhom joħorġu barra mir-raħal biex jirċievu diversi servizzi u jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ kull tip saħansitra għall-iskola.

Minħabba li għas-7 snin (klassijiet) tal-katekeżi kien hemm biss 3 katekisti, rajna li mhux possibbli li nibqgħu noffru katekeżi xierqa jekk ma ngħaqqdux il-forzi tagħna ma’ dawk ta’ parroċċi qrib tagħna. Kulħadd jaf li n-numru tal-patrijiet qiegħed jonqos u għalhekk, bid-diversi impenji oħra li jkollhom il-patrijiet tal-Parroċċa ma jkunx possibbli li jkunu dejjem preżenti mat-tfal. L-istil tal-Knisja huwa dejjem stil ta’ komunjoni ma’ aħwa oħra għaliex il-Mulej stess isejħilna biex inkunu aħwa u żgur li l-ebda preġudizzju fuq komunitajiet / irħula oħra m’għandu jwaqqafna milli nersqu lejn l-oħrajn u niftħu qalbna għal xulxin.

Sar ftehim mal-Parroċċa tal-Qawra biex, minn din is-sena kateketika, it-tfal tas-snin tal-iskola primarja jibdew jattendu għal-laqgħat fiċ-Ċentru tal-Qawra. Dan ma jfissirx li fil-Parroċċa tagħna mhux sa ssir aktar katekeżi; sabiex it-tfal jibqgħu jħossuhom parti mill-komunità Parrokkjali flimkien mal-familja tagħhom, il-laqgħa l-aktar importanti tal-Quddiesa ta’ kull nhar ta’ Ħadd sa tibqa’ ssir għat-tfal kollha fl-10.00am Burmarrad stess. L-istess sa jsir għal attivitajiet oħra ta’ matul is-sena. It-tfal li jkunu qed iħejju ruħhom għas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof sa jirċievu l-katekeżi kollha f’Burmarrad biex hekk jibdew isiru aktar midħla tal-Parroċċa u jitħejjew biex jipparteċipaw b’mod aktar attiv fil-ħajja tagħha. Intgħażlet il-Parroċċa tal-Qawra minħabba li hija qrib tal-Parroċċa tagħna, it-tfal kollha subien u bniet jattendu f’Ċentru wieħed fl-istess ħinijiet u hemm faċilità ta’ parkeġġ għal numru kbir ta’ karozzi eżatt biswit iċ-Ċentru

Nifhmu li kull bidla ġġib magħha xi sfidi. Kien għalhekk li, wara li d-diskussjoni nbdiet fl-Assemblea Parrokkjali – laqgħa li għaliha kienu mistiedna l-Parruċċani kollha – fil-15 ta’ Mejju 2023, saret laqgħa għall-ġenituri kollha fil-21 ta’ Awwissu biex ikun ikkomunikat dan it-tibdil u jkun hemm żmien biżżejjed biex jinstabu soluzzjonijiet fejn ikun hemm xi diffikultà. Bħalma kien jiġri qabel, jekk xi ħadd ma jkunx jista’ jattendi fil-ġranet li fihom issir il-katekeżi għall-Parroċċi tagħna, il-ġenituri jkunu fil-libertà li jsibu Ċentru li jaqdi aħjar l-eżiġenzi tagħhom filwaqt li jibqgħu jiċċelebraw l-Ewkaristija tal-Ħadd magħna u jieħdu sehem f’attivitajiet oħra. Jekk ikunu jridu, wara li jkunu rċevew il-formazzjoni Nisranija xierqa f’Parroċċa oħra, ikunu jistgħu jirċievu s-Sagramenti ma’ sħabhom fil-Parroċċa tagħna.

F’każ li t-tfal ikunu sa jattendu f’xi Ċentru ieħor barra dak tal-Qawra għandu jkun infurmat il-kappillan. Għal dawk li sa jattendu għal-laqgħat fiċ-Ċentru tal-Qawra ma jkunx meħtieġ li ssir reġistrazzjoni oħra mill-ġdid u t-tfal ġodda għandhom ikunu rreġistrati f’Burmarrad stess.

Nafdaw fil-kooperazzjoni tal-ġenituri li għandhom għal qalbhom il-formazzjoni Nisranija ta’ wliedhom u li, kif ħadu l-impenn li jrabbuhom bħala Nsara dakinhar tal-Magħmudija, żgur li sa jkomplu jfittxu li jaqdu b’fedeltà dan id-dmir tagħhom anki meta dan jitlob xi ftit tas-sagrifiċċju. Dan nemmnuh għaliex diġà naraw kemm il-ġenituri jimpenjaw ruħhom biex joffru lil uliedhom attivitajiet f’oqsma oħra li għalihom, minbarra li jħallsu, ikollhom ukoll iwassluhom fi rħula oħra.

Nappellaw biex min jixtieq aktar tagħrif jikkuntattja direttament lill-Parroċċa u ma jserraħx fuq għajdut ieħor. Ir-raġunijiet kollha għal dan it-tibdil huma mniżżla b’mod ċar hawn fuq.