Avviżi – 12 ta’ Marzu 2023

Nhar it-Tlieta 14 ta’ Marzu jibda t-tieni kors ta’ eżerċizzi li sa jsir nhar ta’ Tlieta fit-8.00pm fid-Dar Parrokkjali u huwa miftuħ għal kulħadd (minn 14-il sena ’l fuq).

 Nhar l-Erbgħa 15 ta’ Marzu jkompli l-ewwel kors ta’ eżerċizzi b’meditazzjoni fuq il-ħajja tan-nisrani. Dan il-kors qed isir kull nhar ta’ Erbgħa wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.

Nhar il-Ħamis 16 ta’ Marzu fis-6.45pm issir Ċelebrazzjoni tal-Qima lill-Wiċċ ta’ Kristu.

Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu sa ssir Via Sagra għat-tfal u l-ġenituri tagħhom fil-Knisja fil-5.00pm minflok il-laqgħa ta’ katekeżi.

F’għeluq l-għaxar snin tal-pontifikat tal-Papa Franġisk Mons. Arċisqof sa jmexxi quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla nhar is-Sibt 18 ta’ Marzu fid-9.30am fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. L-Arċisqof irid li minn kull parroċċa jkun hemm ħames persuni. Dawk li sa jmorru jħallu isimhom fis-sagristija.

Kull nhar ta’ Sibt fil-6.00pm niċċelebraw l-Għasar (it-talba ta’ filgħaxija tal-Knisja)

Nhar is-Sibt 25 ta’ Marzu t-tfal kollha huma mistiedna biex jieħdu sehem f’attività ta’ Prayer Spaces li sa ssir għall-parroċċa tagħna fl-iskola Santa Monika fil-Gżira fis-2.30pm. Nitolbu lill-ġenituri jgħidulna min ġej sa nhar il-Ħadd li ġej biex inkunu nistgħu norganizzaw it-trasport.

F’Ħamis ix-Xirka sa ssir mixgħela fuq iz-zuntier waqt il-ħin li jkun hemm l-Adorazzjoni fil-Knisja. Nistednukom tieħdu sehem f’din l-inizjattiva billi tixtru xemgħa mingħand l-abbatini minn fuq iz-zuntier wara l-quddies tal-lum.

Avviżi – 26 ta’ Frar 2023

Matul din il-ġimgħa nkomplu l-mixja tar-Randan. Nitolbu lil dawk li jistgħu jgħinu biex iqassmu l-fuljett bil-programm tar-Randan fid-djar mill-aktar fis. Dawk li ma joqgħodux f’Burmarrad jistgħu jieħdu kopja tal-programm minn ħdejn il-bibien tal-Knisja. Il-programm jinsab online ukoll.

Nhar l-Erbgħa 1 ta’ Marzu jkompli l-ewwel kors ta’ eżerċizzi b’meditazzjoni fuq il-ħajja tan-nisrani. Dan il-kors qed isir kull nhar ta’ Erbgħa wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. Dawk li ma jistgħux jieħdu sehem fil-kors kollu huma mistiedna biex jiġu meta jistgħu.

Nhar il-Ħamis 2 ta’ Marzu fis-6.45pm issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Corda Pia. Din hija devozzjoni Franġiskana ta’ qima lill-pjagi ta’ Ġesù u tifkira tal-pjagi ta’ San Franġisk u d-duluri ta’ Marija.

Nhar is-Sibt 4 ta’ Marzu sa jsir irtir spiritwali miftuħ għal kulħadd bejn id-9.00am u 12.30pm. Dan sa jsir fil-parroċċa tal-Manikata. Dawk li sa jattendu għandhom jinkitbu minn qabel minħabba li fl-aħħar ikun hemm xi ħaġa tal-ikel għal kulħadd.

Kull nhar ta’ Sibt filgħaxija fis-6.00pm ssir it-talba ta’ filgħaxija (l-Għasar) qabel il-quddiesa.

Avviżi – 19 ta’ Frar 2023

 

  • Nhar l-Erbgħa 22 ta’ Frar jibda r-Randan bl-Erbgħa tar-Rmied.

Fil-5.00am issir il-Via Sagra fil-Knisja u quddiesa fil-5.30am.

Fil-5.30pm issir Via Sagra fil-ġnien tal-Kunvent u wara pellegrinaġġ qasir lejn il-Knisja fejn issir quddiesa fil-6.15pm.

Fis-7.00pm jibda l-ewwel kors ta’ eżerċizzi tar-Randan li sa jsir kull nhar ta’ Erbgħa filgħaxija b’meditazzjoni fuq il-mixja tan-nisrani iggwidata mill-Evanġelju.

 

  • Nhar il-Ħamis 23 ta’ Frar issir Adorazzjoni tas-Salib fil-Knisja fis-6.45pm.

 

  • Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Frar jibdew il-Kwaranturi – Jiem ta’ Adorazzjoni Ewkaristika.

Bejn il-5.00pm u s-5.45pm issir Adorazzjoni flimkien mat-tfal u l-ġenituri tagħhom minflok il-laqgħa ta’ katekeżi.

Fis-5.45pm jingħad ir-Rużarju quddiem Ġesù Sagramentat.

Wara l-quddiesa tas-6.15pm ikun hemm ħin ta’ Adorazzjoni sat-8.00pm. Dan il-ħin ikun animat mill-grupp taż-żgħażagħ tal-parroċċa.

 

  • Is-Sibt 25 ta’ Frar fis-6.00am ikun espost Ġesù Sagramentat sa nofsinhar. Fis-7.00am isir iċ-ċelebrazzjoni tal-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum.

Fil-5.30pm jingħad ir-Rużarju u fis-6.00pm issir it-talba ta’ filgħaxija (l-Għasar). Fis-6.15pm tibda l-quddiesa u wara l-Knisja tibqa’ miftuħa għall-Adorazzjoni Ewkaristika sal-11.00pm.

 

  • Il-Ħadd 26 ta’ Frar ssir l-espożizzjoni wara l-quddiesa tas-6.00am sad-9.30am.

Wara l-quddiesa tal-10.00am, li fiha xi adolexxenti sa jitolbu li jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof, ikun hemm laqgħa għall-ġenituri tagħhom fil-Knisja.

Filgħaxija l-Knisja tiftaħ fil-5.30pm u fis-6.10pm tingħata l-barka sagramentali.

 

Tajjeb li fil-ħin ta’ adorazzjoni dejjem ikun hemm xi ħadd fil-Knisja u għalhekk nitolbu lil dawk li jistgħu joffru xi ftit ħin biex iħallu isimhom fis-sagristija.

 

Matul il-jiem li ġejjin sa jitqassam programm dettaljat tar-Randan fid-djar kollha tal-parroċċa. Id-dettalji jkunu wkoll fuq il-paġna ta’ facebook tal-parroċċa u fuq is-sit www.parroccaburmarrad.com.